F'sena ddominata mill-pandemija tal-Coronavirus, iċ-ċittadini Ewropej iqisu li l-Unjoni Ewropea hija fl-aħjar pożizzjoni biex twieġeb għall-isfidi attwali u tiżgura opportunitajiet futuri.
Ewrobarometru Speċjali ġdid, ippubblikat qabel l-iffirmar tad-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-UE u tal-Kummissjoni Ewropea, jiffoka fuq il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, ikejjel l-attitudnijiet lejha u xi wħud mit-temi ewlenin li għandhom jiġu koperti. Din il-Konferenza għandha l-għan li toħloq forum pubbliku ġdid għal dibattitu miftuħ, inklużiv, trasparenti u strutturat mal-Ewropej dwar il-kwistjonijiet li huma importanti għalihom u li jaffettwaw il-ħajja tagħhom ta' kuljum. L-istħarriġ, li sar bejn Novembru u Diċembru 2020 minn Kantar, ġie kkummissjonat b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa
Tliet kwarti mill-Ewropej huma tal-fehma li l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa se jkollha impatt pożittiv fuq id-demokrazija fl-UE. 76 % jaqblu li dan jirrappreżenta progress sinifikanti għad-demokrazija fl-UE, b'maġġoranza ċara li tappoġġja din il-fehma f'kull Stat Membru tal-UE.
Leħen iċ-ċittadini fl-UE
Il-maġġoranza vasta ħafna tal-Ewropej (92 %) mill-Istati Membri kollha jitolbu li l-opinjonijiet taċ-ċittadini "jitqiesu aktar f'deċiżjonijiet relatati mal-ġejjieni tal-Ewropa".
Filwaqt li l-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej hija meqjusa b'mod ċar (minn 55 % ta' dawk li wieġbu) bħala l-aktar mod effettiv biex wieħed jiżgura li l-vuċijiet jinstemgħu minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE, hemm appoġġ qawwi ħafna għall-idea li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom vuċi akbar fid-deċiżjonijiet relatati mal-ġejjieni tal-Ewropa.
45 % tal-Ewropej jiddikjaraw lilhom infushom "pjuttost favur l-UE iżda mhux bil-mod li twettqet s'issa".
The Future of Europe
Sitta minn kull għaxar Ewropej jaqblu li l-kriżi tal-Coronavirus ġiegħlithom jirriflettu dwar il-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea filwaqt li 39 % ma jaqblux ma' dan.
Assi u sfidi
L-Ewropej iqisu li r-rispett tal-UE għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt (32 %) u s-setgħa ekonomika, industrijali u kummerċjali tagħha (30 %) huma l-assi ewlenin tagħha.
It-tibdil fil-klima huwa meqjus b'mod ċar bħala l-isfida globali ewlenija li taffettwa l-ġejjieni tal-UE, b'45 % tal-Ewropej li għażlu din bħala l-isfida ewlenija. It-tieni u t-tielet l-aktar kwistjonijiet imsemmija, minn proporzjon simili ta' Ewropej, huma t-terroriżmu (38 %) u r-riskji relatati mas-saħħa (37 %).